Avvizi Header

16 ta’ Lulju 2017

Kif qed taraw is-Santwarju tagħna qed jilbes l-isbaħ libsa tiegħu, il-libsa tal-Festa. Nitlobkom taprezzaw ix-xogħol kollu li jsir matul is-sena fis-skiet. Kemm bit-tindif, l-armar u l-manutenzjoni ta’ kuljum tas-Santwarju. Dan jinvolvi hafna volontarjat kif ukoll spejjeż konsiderevoli. Tajjeb li nkunu grati u nagħtu valur xieraq ta’ dak kollu li Alla għoġbu fil-ħniena tiegħu jiprovdielna.
 
Il-Ħamis 20 ta’ Lulju nagħtu bidu għan-novena tal-Festa titular fis-6.30pm b’quddiesa kantata bis-sehem tal-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei u l-Kor Beata Mater.  Wara l-omelija jsir l-għoti tal-mandat lir-reffiegħa.  Wara se ssir ravjulata quddiem il-maħzen b’riżq in-nar tal-art lejliet il-festa. Min jixtieq li jagħti donazzjoni għan-nar tal-ajru mitlub jgħaddi d-donazzjonijiet tiegħu lis-Sur Ġużi Paris jew il-membri tal-Għaqda tan-Nar.
 
Il-Ġimgha 21 ta’ Lulju fid-9:00am issir quddiesa għal-anzjani, morda u pensjonanti celebrata mil-Kan Timon Mercieca, li matulha jiġi amministrat is-Sagrament tal-Grizma tal-Morda lil dawk li jitolbuh. Wara jkollna riceviment fis-Sala Sant Andrija fid-Dar tal-Kappillan.  Fl-10:00am mbagħad issir espożizzjoni tas-Sagrament fis-Santwarju sa nofsinhar. Ikun hawn saċerdoti għal-qrar.  Fis-5.45pm reċita tar-Ruzarju u fis-6.15pm Kurunella u Barka Sagramentali. Fis-6.30pm quddiesa ta’ rikonċiljazzjoni.  Fit-8:00pm ssir Adorazzjoni Ewkaristika animata mill-Għaqda Żgħażagħ Xlukkajri. Waqt l-adorazzjoni jkun hawn saċerdoti disponibbli għal-qrar.
 
Is-Sibt 22 ta’ Lulju fil-5:00pm jibda marċ minn triq l-Arżnell li jasal sas-Santwarju biex fis-6:00pm, Patri Aaron Zahra OP, jiċċelebra l-Ewwel quddiesa solenni tiegħu b’radd il-ħajr għad-don tas-saċerdozju. Aħna lkoll mistiedna għal din l-okkażjoni ta’ ferħ kbir f’Marsaxlokk hekk kif il-parroċċa tagħna toffri żagħżugħ għal-ħajja reliġjuża u saċerdotali. Nitolbu wkoll għal aktar vokazzjonijiet.
 
Il-Ħadd 23 ta’ Lulju, wara l-quddies tad-9:30am tat-tfal se ssir sorpriża li qatt ma saret bħalha mit-tfal tal-Parroċċa. Inħeġġukom tiġu għal-quddies u wara toqgħdu magħna biex tiċċelebraw flimkien mat-tfal il-Festa tal-madonna ta’ Pompei. Wara s-sorpriża li se ssir fil-pjazza, it-tfal se jġorru xbieha tal-Madonna ta’ Pompei matul ix-xatt, akkumpanjati mil-banda tal-Għaqda Mużikali Pompei.
 
Infakkar fl-envelopes tal-Festa. Nitlobkom tkunu ġenerużi bħal ma dejjem kontu biex inkunu nistgħu nagħmlu festa kif jixraq f’dan is-Santwarju.
 
Il-Ġimgħa 4 t’Awwissu, ġimgħa wara l-Festa Titulari, tidħol il-vara fin-niċċa wara l-quddies tas-6:30pm. Dakinhar se tiġi organiżżata Majjalata b’riżq il-parroċċa. Biljetti ta’ €12 għal kbar u €6 għaż-żgħar jinkisbu mil-Uffiċċju Parrokjali. 
Published on:

Ħin tal-Quddies


Ġranet Ferjali:
6.30am, 7.45am, 6pm
(6.30pm fis-sajf)

Is-Sibt: 5.30pm u 7pm
(Lulju sa Settembru; 6pm u 7.30pm)

Il-Ħadd: 6.30am, 8am, 9.30am, 11am, 6pm